RIDE+Safe PR

Press Release: Jitnieda ADAMS, simulatur li se jgħin muturi jiġu ddisinjati b’mod aktar sigur

 

ADAMS huwa simulatur li se jgħin biex jiġu ddisinjati muturi personalizzati u aktar siguri. Dan il-jig innovattiv tat-test tal-muturi ġie ddisinjat permezz ta’ kollaborazzjoni bejn l-Università ta’ Malta u WKD Works Ltd. Il-proġett huwa ffinanzjat permezz tal-programm Nazzjonali FUSION R&I u amministrat mill-Kunsill Malti għax-Xjenza u t-Teknoloġija (MCST), u ppermetta lit-tim jirrekluta studenti li huma f’livell ta’ postgraduate fl-oqsma tal-Product Design and Control Engineering, li ħadmu fuq il-proġett. Ir-riżultati tar-riċerka tnedew waqt attività f’Esplora, il-Kalkara.

Il-jig jista’ jiġi aġġustat skont l-istatura tas-sewwieq tal-mutur u l-ħsieb huwa li qabel ma wieħed jixtri mutur, is-sewwieq jipprova dan is-simulatur biex jiddeċiedi liema mutur huwa l-aktar ergonomiku. Is-simulatur jista’ jintuża bħala l-ewwel pass għal dawk il-persuni li jkunu se jsuqu mutur għall-ewwel darba. B’dan il-mod ir-rikkieb ma jitlifx l-attenzjoni minħabba skumdità ergonomika li tirriżulta minn qagħda ħażina meta joqgħod bilqiegħda fuq il-mutur. Is-simulatur jista’ jiġi kkonfigurat fuq diversi tipi ta’ muturi u jista’ jiġi wżat ukoll mill-iskejjel tal-muturi biex iħarrġu sewwieqa ġodda.

Il-Ministru għall-Edukazzjoni, l-Isport, iż-Żgħażagħ, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni Clifton Grima qal li l-edukazzjoni għandha rwol kruċjali fir-riċerka u l-innovazzjoni. “Is-sistema edukattiva trid tkun mhux biss sħiħa u inklużiva imma li trawwem ukoll mentalità li tkun miftuħa għan-novità u għall-kreattività. Irridu nsaħħu kultura fis-sistema edukattiva tagħna li tirrifletti mudelli soċjali u ekonomiċi ġodda u tiffoka aktar fuq l-adattabilità bħala proċess trasformattiv. B’hekk tassew indaħħlu l-innovazzjoni fil-kultura nazzjonali tagħna għaliex fl-aħħar mill-aħħar, kulħadd jista’ jgawdi minnha”, qal il-Ministru Grima.

Il-motivazzjoni ewlenija wara l-proġett RIDE+SAFE ħarġet mir-rata li qed tiżdied ta’ inċidenti tal-muturi fit-toroq tagħna. Din l-idea innovattiva kienet maħsuba mill-Professur Inġ. Philip Farrugia mid-Dipartiment tal-Inġinerija Industrijali u tal-Manifattura (DIME) fl-Università ta’ Malta, li huwa wkoll l-investigatur prinċipali tal-proġett.

Ġiet ippreżentata patent fl-uffiċċju tal-patent fir-Renju Unit biex tkun protetta l-idea tas-simultaur. It-tim ta’ RIDE+SAFE jinsab fil-proċess li javviċina investituri potenzjali, fosthom żviluppaturi ta’ software tas-simulaturi tas-sewwieqa, biex il-proġett ikun jista’ jiġi kummerċjalizzat.

Prof. Inġ Philip Farrugia qal li, “Barra minn hekk, permezz ta’ numru ta’ testijiet li qed inwettqu b’numru ta’ sewwieqa tal-muturi, qed nimmiraw li niġġeneraw għarfien dwar kif id-disinn tal-muturi jaffettwa l-esperjenza tas-sewqan. Għalhekk, l-inġiniera li jiddisinjaw jistgħu jiġu gwidati biex jiżviluppaw muturi aktar siguri li jissodisfaw aħjar il-ħtiġijiet tal-klijenti.”

Is-Segretarju Parlamentari għaż-Żgħażagħ, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni Keith Azzopardi Tanti saħaq li proġetti bħal dawn huma xhieda tal-ħidma kbira li qed issir mill-professjonisti fil-qasam tar-riċerka u l-innovazzjoni ta’ pajjiżna, li qed twassal biex nibqgħu ntejbu diversi oqsma anke fuq livell nazzjonali. “Hija xi ħaġa innovattiva ħafna li jkollna muturi aktar personalizzati u siguri fis-suq ta’ pajjiżna li tista’ ssir bl-investiment f’din it-teknoloġija ‘RIDE+Safe’ sabiex b’hekk il-klijent ikun fiċ-ċentru tal-proċess tal-produzzjoni, b’riżultat li jkollna toroq iktar siguri f’pajjiżna”, qal is-Segretarju Parlamentari Keith Azzopardi Tanti.

Waqt id-diskors tal-għeluq, iċ-Ċermen Eżekuttiv tal-Kunsill Malti għax-Xjenza u t-Teknoloġija Dr Jeffrey Pullicino Orlando faħħar lill‑benefiċjarji li applikaw l‑għarfien tekniku u l‑kompetenza tagħhom biex joħolqu teknoloġija li għandha potenzjal qawwi mhux biss biex iġġib tkabbir sostenibbli u valur ekonomiku, iżda wkoll irnexxielhom jiddisinjaw prodott li jista’ jsalva l‑ħajjiet.

Huwa żied jgħid li, “Il‑konsorzju wera b’suċċess li permezz ta’ programm ta’ finanzjament bħal FUSION, ideat kbar jistgħu jinbidlu f’realtajiet lesti għas‑suq u li l‑lakuni bejn in‑negozji u l‑akkademja jistgħu joqorbu b’suċċess.

L-Inġ. Sean Agius kien responsabbli mid-disinn mekkaniku u l-manifattura ta’ dan l-adjustable motorcycle jig. Adrian Vella, espert fil-personalizzazzjoni tal-muturi minn WKD Works Ltd, ipprovda għarfien siewi fid-disinn tal-mock-up motorcycle. Daniel Cassar, bħala riċerkatur, segwit mill-Professur Inġ. Simon G. Fabri mid-Dipartiment tas-Systems and Controlled Engineering, iddisinja s-sistema ta’ kontroll għall-motorcycle simulator motions.

 

 

 

This article was last updated on: April 13, 2022